Nemmen, Mulej, imma rrid nemmen b'fidi aktar qawwija;
nittama, imma rrid nittama b'tama aktar sħiħa;
inħobb, imma rrid inħobb b'imħabba aktar imħeġġa;
jisgħobbija, imma rrid jisgħobbija b'sogħba wisq akbar.
Inqimek, bħala l-bidu ta' kollox;
nixtieqek b'ħala t-tmiem ta' kollox;
infaħħrek bħala Dak li dejjem tagħmel il-ġid;
nitolbok bħala Dak li żgur tħarisni.
Mexxini bl-għerf tiegħek,
rażżanni bil-ġustizzja tiegħek,
farraġni bit-tjieba tiegħek,
ħarisni bis-setgħa tiegħek.
Noffrilek, Mulej, kull ma naħseb biex ħsibijiet jkunu dejjem fik;
kull ma ngħid, biex kliemi jkun dejjem fukek;
kull ma nagħmel, biex dejjem ikun kif trid int;
kull ma nġarrab, biex ikun dejjem għalik.
Irrid dak li trid int, irridu għax tridu int,
irridu kif tridu int,
irridu sakemm tridu int.
Nitolbok, Mulej, iddawwalli l-fehma,
tħeġġiġli r-rieda,
isaffili qalbi u tqaddisli ruħi.
Jisgħobbija għall-ħtijiet tal-imgħoddi,
imwarrab minni t-tiġrib li għad jiġi fuqi,
inrażżan fija l-ġibdiet ħżiena,
inġib 'il quddiem kull xorta ta' għemil tajjeb.
Agħtini, o Alla ta' kull tjieba,
imħabba għalik u mibgħeda għallija nnifsi,
ħeġġa għall-għajri u stmerrija tad-dinja.
Għinni nħabrek ħa nobdi lis-superjuri tiegħi,
ngħin lil min hu inqas minni,
nieħu pariri mill-ħbieb, u naħfer l-egħdewwa.
Nirbaħ bit-tgħakkis il-ġibda għall-ħażen,
bil-ġenerożità x-xeħħa, bit-tjieba l-korla, bil-ħeġġa l-bruda.
Agħtini l-għaqal biex nagħti pariri tajba,
il-qawwa fit-tiġrib, is-sabar fil-hemm,
u l-umiltà fir-risq it-tajjeb.
Agħmel, Mulej, li nkun miġbur fit-talb,
mejjus fil-kliem, kollni ħeġġa fix-xogħol,
u sod fil-fehma.
Agħtini li nkun bla ħtija fir-ruħ,
rżin fl-imġiba, ta' eżempju tajjeb għall-oħrajn,
u ordnat f'ħajti kollha.
Nishar bla heda biex inrażżan lili nnifsi,
insaħħaħ fija l-grazzja, inħares il-liġi,
u nikseb is-salvazzjoni.
Għallimni kemm ftit jiswa kull ma hu ta' l-art,
x'siwi kbir għandu kull ma hu tas-sema,
kemm jgħaddi malajr kull ma hu taż-żmien,
kemm jibqa' dak li hu għal dejjem.
Agħtini li nkun imħejji għall-mewt
nibża' mill-ġudizzju,
naħrab l-infern, u nikseb il-ġenna.
Bi Kristu Sidna. Amen.